gov.mt

PR261639

PR261639

05/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Jiftħu n-nomini għall-Premju Soċjetà Ġusta 2026


Rikonoxximent lil persuni u organizzazzjonijiet li jsaħħu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ħabbar il-ftuħ tan-nomini għall-Premju Soċjetà Ġusta 2026, li jirrikonoxxi l-ħidma ta’ persuni u organizzazzjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità u jikkontribwixxu lejn soċjetà aktar inklussiva u aċċessibbli.

Dan il-premju jiċċelebra l-kisbiet u l-inizjattivi li jsaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, ineħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tagħhom u joħolqu opportunitajiet għall-għajxien indipendenti fil-komunità. Huwa wkoll okkażjoni biex tingħata viżibilità lill-prattiċi tajbin li jistgħu jispiraw lil oħrajn sabiex jagħmlu l-inklużjoni parti mill-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

Preżenti għal din it-tħabbira kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Stephanie Rocco. 

In-nomini huma miftuħa għal ħames kategoriji:

● Premju għal Min Iħaddem / Kumpanija Inklussiva: jirrikonoxxi l-impenn lejn l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol, permezz ta’ opportunitajiet indaqs, aċċessibilità u prattiċi li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom.
● Premju għal Ħaddiem / Membru tal-Istaff li jippromwovi l-Inklużjoni: jagħti ġieħ lil dawk li, permezz tal-ħidma u l-inizjattiva tagħhom, itejbu l-ħajja tal-persuni b’diżabilità u jikkontribwixxu lejn ambjent aktar inklussiv.
● Premju għall-Eċċellenza u l-Inklużjoni fl-Isport: jirrikonoxxi kemm il-kisbiet sportivi tal-persuni b’diżabilità kif ukoll il-ħidma ta’ persuni, timijiet, klabbs u għaqdiet li joħolqu aktar opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fl-isport.
● Premju għall-Eċċellenza u l-Inklużjoni fl-Arti u l-Kultura: jiċċelebra l-kisbiet u l-inizjattivi li jsaħħu l-aċċessibilità, ir-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-ħajja artistika u kulturali.
● Premju għal Għaqda Mhux Governattiva għall-Inklużjoni: jirrikonoxxi għaqdiet volontarji li jagħtu kontribut eċċezzjonali lejn l-inklużjoni. Għal din il-kategorija jistgħu jiġu nominati għaqdiet minn kwalunkwe settur, u mhux biss dawk li jaħdmu direttament fil-qasam tad-diżabilità.

Il-Ministeru jħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jinnomina persuni u organizzazzjonijiet li l-ħidma tagħhom jistħoqqilha dan ir-rikonoxximent. Kull nominazzjoni għandha turi b’eżempji ċari l-impatt pożittiv fuq il-persuni b’diżabilità u l-kontribut lejn il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika, ċivika u soċjali.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “il-progress ta’ pajjiżna jitkejjel ukoll minn kemm persuna b’diżabilità tista’ tagħżel kif tgħix, taħdem u tipparteċipa fil-komunità tagħha. Bħala Gvern, għandna r-responsabbiltà li nsaħħu d-drittijiet u niżguraw li dawn jissarrfu f’opportunitajiet reali. Il-Premju Soċjetà Ġusta jagħti rikonoxximent lil dawk li jgħinuna nwettqu dan l-għan bil-ħidma tagħhom ta’ kuljum. Inħeġġeġ lill-pubbliku jinnomina lil min qed ineħħi l-ostakli u jiftaħ il-bibien għall-persuni b’diżabilità, għax din il-ħidma jistħoqqilha tkun magħrufa u apprezzata.”

In-nominazzjonijiet se jiġu evalwati minn bord, li jqis ir-rilevanza tagħhom għall-kategorija magħżula, l-impatt tal-ħidma mwettqa u l-impenn lejn id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. 

In-nomini jagħlqu nhar it-Tnejn, 2 ta’ Novembru 2026, f’nofsinhar, bin-nominazzjonijiet li jaslu wara dan il-ħin ma jiġux ikkunsidrati.

Il-formola u l-linji gwida huma disponibbli fuq www.inkluzjoni.gov.mt u l-formoli mimlija għandhom jintbagħtu fuq [email protected], fejn wieħed jista’ wkoll jitlob aktar informazzjoni jew assistenza.


​